[English version available]

 

Meta nħares lejn kif nagħtu nkoraġġiment lit-tfal, tolqotni b’mod partikolari l-kelma ‘Bravu’ jew ‘Brava’, li nużaw bħala titlu li suppost jirregala lit-tfal b’ċertu sens ta’ validament. Bħal ma student avvanzat jiġi mogħti t-titlu ta’ dottorat, jew impjegat titlu ġdid skond il-promotion, jew suldat jingħata skala ta’ awtorita’ ġdida malli javvanza, hekk nistrutturaw il-moħħ ta’ tifel jew tifla bi premji simboliċi. Premji, għax għandhom struttura ta’ oġġett pożittiv li qed jiġi regalat biex jirrinforza aġir tajjeb; simboliċi għax il-valur tagħhom jeżisti biss la darba nemmnu fihom. F’kelma oħra, la darba taċċetta dan ir-rigal u s-sens eċitanti ta’ għan li jipprovdi, tkun qed tiffirma kuntratt li bih tħaddan l-ideali li bihom ġejt iġġudikat bħala tajjeb jew ħażin, bravu jew m’intix.

 

U hawnekk nintlaqat tassew bl-għażla li fettlilna nagħmlu meta bdejna nutilizzaw din l-iskema ta’ Bravi. Meta ngħid li t-tifla tiegħi hija brava, minhajr ebda kuntest, wieħed jista’ jifhem li hija ubbidjenti u li turi rispett lejn min jieħu ħsiebha u jiggwidaħħa, brava. Inkella, l-interpretazzjoni li tista tingħata hija li t-tifla hija nteliġenti, taċċella fl-istudju u li għandha futur professjonali, brava. Mhux rari jagħti l-kas li meta ngħidu li xi ħadd huwa bravu, infatti, inkunu qed napprofittaw minn din l-ambigwita’ biex nirreferu għaż-żewġ definizzjonijiet f’daqqa; li binti timxi mar-regoli, tobdi, u allura tipprometti fil-vjaġġ imħejji għaliha.

 

Inzerta konvenjenti li l-essenza tal-kelma Brava toħroġ iktar ċara meta nużaha mal-kelb: meta jobdi l-ordni biex ipoġġi, biex ipixxi fil-ħaxix, u biex ma jpoġġix fuq is-sodda, il-kelb ikun wera kemm tassew kapaċi jitgħallem, jiftakar l-istruzzjonijiet, jinternalizzhom u fl-aħħar nett jobdihom. Hemmekk ngħidlu bravu. Dan l-ibridu bejn annimal u bniedem joħroġ perfett bl-Ingliż, meta xi ħadd jissejjah teacher’s pet; dak l-istudent inteliġenti u promettenti li fl-istess ħin jagħmel li jista’ biex jintogħġob f’għajnejn l-awtorita’.

 

Forsi f’dan il-mument wieħed jgħid li kelb bravu u tifla brava m’humiex l-istess ħaġa; li m’humiex l-istess kunċetti minkejja l-użu komuni, minħabba li r-realta’ soċjali tat-tnejn hija ferm differenti. Pero, ir-realta’ li wieħed jesperjenza malli jlissen dawk il-kelmiet ma tinnegax il fatt li fil-qofol tibqa’ l-istruttura ta’ kif wieħed jirregola u jikkundizzjona l-iżvilupp ta’ ndividwu, huwiex annimal jew bniedem.

 

Aktar mill-individwu li huwa suġġett għal dan il-kontrol, ir-riflessjoni serja għandha taqa’ iżjed fuqna l-adulti bħala l-medjatur li jagħżel jipparteċipa f’dan it-tip ta’ ffurmar tal-imħuħ l-oħra. F’sitwazzjoni ta’ awtorita’, fejn għandna għad-dispożizzjoni tagħna moħħ tagħri biex jintagħġen, nispiċċaw nesprimu – bl-aktar mod possibbli – atteġġjament nieqes minn oriġinalita’ u awtentiċita’: naslu nirriproduċu l-istess kundizzjonar li biħ ġejna mgħallma nkunu bravi, u dan għax nemmnu u ‘nafu’ li hemm premji x’jingħataw, u għax wara kollox nixtiequ lil uliedna jerbħu kemm jistgħu ħalli jkunu kuntenti. Iġifieri, anki malli nintebħu b’dan kollu, nispiċċaw nirrikorru għal li nkunu bravi aħna stess, bħala għalliema, billi ngħallmu lil uliedna jkunu bravi bħalna. Hekk, inkunu akkwistajna l-medalji soċjali, kemm għalihom, u ferm aktar għalina stess.

 

Il-mistoqsija finali għandha tkun jekk irridux nippremjaw lil uliedna l-istess ideoloġija li ħaddanna minn tfulitna. Iżda jekk nagħżlu li ma nkomplux iċ-ċiklu, dlonk nintebħu li l-ħsieb ma kien finali xejn, u li issa li tweġiba stretta u prattika ma teżistix. L-aktar li naslu nagħmlu, allura, huwa li ma nużawx it-termini antiki, il-lingwa antikwata, l-aspettazzjonijiet oppressivi… imbagħad b’xi mod jew ieħor nerġgħu nipproduċu politika ġdida ta’ kif nimponu l-istess aspettazzjonijiet moħbja fuq uliedna, biex b’hekk inkunu nistgħu nipprovdu għal dak li jkun mistenni minna. B’hekk niskopru li minkejja kemm ilna niġru wara ballun u nirritornawh, u kemm donnu din il-logħba tista’ tibqa’ sejra għal dejjem, ikollna bilfors nibqgħu nipparteċipaw jekk nixtiequ nħossu li aħna wkoll bravi.


0 Comments

Leave a Reply

Avatar placeholder

Your email address will not be published. Required fields are marked *